Press Release October 2026 Maltese

Żommu l-wirt, neħħu l-privileġġ, jgħidu l-Umanisti

Press release · Oct 26, 2026 

 

Humanists Malta qed tappella għal kostituzzjoni pluralista, jiġifieri waħda li tirrikonoxxi l-post tar-reliġjon fl-istorja ta’ Malta filwaqt li tittratta lil kull ċittadin bl-istess mod, ikun x’inhu t-twemmin tiegħu jew tagħha.

Id-dibattitu reċenti dwar jekk Malta għandhiex tadotta Kostituzzjoni sekulari spiss ġie ppreżentat bħala għażla bejn żewġ pożizzjonijiet opposti. Dawk favur l-emenda tal-Artikolu 2 jargumentaw li Stat li jappartjeni liċ-ċittadini kollha tiegħu m’għandux jiddikjara reliġjon tiegħu stess. Oħrajn, fosthom xi persuni li ma jemmnux, jargumentaw li mhux neċessarju li r-reliġjon titneħħa mill-Kostituzzjoni sabiex l-Istat ikun sekulari, peress li l-Kattoliċiżmu sawwar l-istorja tal-pajjiż għal sekli sħaħ.

Madankollu, dawn il-pożizzjonijiet jindirizzaw mistoqsijiet differenti: waħda tikkonċerna x’għandu jkun l-Istat illum, filwaqt li l-oħra tikkonċerna dak li kienet Malta tul l-istorja tagħha. F’dan is-sens, mhux neċessarjament hemm kunflitt bejniethom, u nħeġġu liż-“żewġ naħat” jikkunsidraw tfassil mill-ġdid tal-Kostituzzjoni li jakkomoda t-tnejn.

X’jagħmel l-Artikolu 2

L-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni jistipula li (i) ir-reliġjon ta’ Malta hija r-Reliġjon Kattolika Appostolika Rumana; (ii) l-awtoritajiet tal-Knisja għandhom id-dmir u d-dritt li jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena; u (iii) it-tagħlim tar-reliġjon Kattolika għandu jingħata fl-iskejjel kollha tal-Istat bħala parti mill-edukazzjoni obbligatorja.

L-ewwel waħda minn dawn tista’ tinqara bħala dikjarazzjoni dwar l-identità u l-istorja tal-pajjiż. Iż-żewġ dispożizzjonijiet l-oħra huma fundamentalment differenti fin-natura tagħhom, peress li tagħti lil istituzzjoni reliġjuża partikolari rwol kostituzzjonali fit-tiswir tal-istruzzjoni morali u tal-edukazzjoni fi ħdan l-Istat.

Ta’ min jinnota li l-Artikolu 40 jippermetti lill-ġenituri jeżentaw lil uliedhom mill-istruzzjoni reliġjuża. Għalhekk, il-Kostituzzjoni diġà takkomoda familji li ma jaqsmux il-fidi msemmija fl-Artikolu 2, għalkemm permezz ta’ eċċezzjoni aktar milli permezz ta’ trattament ugwali.

Nagħrfu l-wirt tagħna

Humanists Malta tipproponi li tinżamm ir-rikonoxxenza tal-wirt reliġjuż ta’ Malta iżda din tiġi rilokata fit-taqsima tal-Kostituzzjoni li tittratta l-wirt nazzjonali u l-prinċipji gwida.

Il-Kapitolu II, id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji, jimpenja lill-Istat biex iħares il-pajsaġġ u l-patrimonju storiku u artistiku tan-Nazzjon (Artikolu 9), filwaqt li l-Artikolu 21 jistabbilixxi li l-prinċipji f’dan il-kapitolu huma fundamentali għat-tmexxija tal-pajjiż minkejja li ma jistgħux jiġu infurzati quddiem il-qrati.

Dikjarazzjoni kostituzzjonali li tirrikonoxxi r-rwol importanti li l-Kristjaneżmu kellu fl-istorja ta’ Malta, flimkien mal-ħafna tradizzjonijiet oħra li sawru dawn il-gżejjer, tkun taqbel ma’ dan il-kapitolu, jew inkella ma’ preambolu ġdid miktub għal dan il-għan.

Fl-istess ħin, id-dispożizzjonijiet operattivi tal-Kostituzzjoni għandhom jittrattaw liċ-ċittadini kollha b’mod ugwali, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, b’Stat newtrali lejn kull reliġjon u kull twemmin. B’hekk, dawk li jemmnu jaraw il-wirt tagħhom rikonoxxut fil-Kostituzzjoni, filwaqt li dawk li ma jemmnux jaraw Stat li ma jibqax jiddikjara reliġjon tiegħu stess.

Infasslu kliemna aħna stess

Pajjiżi oħra ppruvaw jagħmlu xi ħaġa simili. Il-preambolu tal-Kostituzzjoni Pollakka tal-1997, pereżempju, jindirizza kemm lil dawk li jemmnu f’Alla kif ukoll lil dawk li ma jaqsmux dik il-fidi.

Madankollu, il-kliem tiegħu jsemmi lil Alla bħala s-sors tal-verità, il-ġustizzja, it-tajjeb u s-sbuħija, u jiddeskrivi lil dawk li ma jemmnux bħala persuni li jirrispettaw l-istess valuri iżda jqisu li dawn ġejjin minn sorsi oħra. B’hekk, il-valuri nfushom jiġu ppreżentati f’termini reliġjużi.

Filwaqt li dan il-mudell jipprovdi eżempju ta’ inklużività kostituzzjonali, Malta għandha l-opportunità tagħmel pass lil hinn minnu billi tiżviluppa formulazzjoni li tqiegħed lil dawk li jemmnu u lil dawk li ma jemmnux fuq livell tassew ugwali sa mill-bidu nett.

Stedina

“Dawk li jridu jżommu l-Artikolu 2 qed jiddefendu l-post tal-Knisja fl-istorja tagħna, u dawk li jridu jemendawh qed jiddefendu l-istatus ugwali ta’ kull ċittadin quddiem l-Istat,” qal James Buhagiar, Chairman ta’ Humanists Malta. “Dawn iż-żewġ għanijiet jistgħu jiġu akkomodati, sakemm inkunu lesti niddistingwu bejn dak li l-Kostituzzjoni tgħid dwar il-passat tagħna u dak li titlob mill-Istat illum.”

Humanists Malta hi konxja li bidla ta’ dan it-tip teħtieġ qbil wiesa’, peress li s-subartikolu (2) tal-Artikolu 2 jista’ jiġi emendat biss bl-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra tad-Deputati (Artikolu 66).

Humanists Malta tistieden lill-partiti politiċi, lill-Knisja u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jikkunsidraw din il-proposta u jidħlu f’diskussjoni kostruttiva dwar riforma kostituzzjonali.

Tmiem

Għal aktar informazzjoni: James Buhagiar,  info@humanistsmalta.org  +356 79 373 986 / +356 79 258 285

Dwar Humanists Malta : Humanists Malta, oriġinarjament l-Assoċjazzjoni Umanista ta’ Malta, twaqqfet fl-2010 u ġiet formalment stabbilita bħala organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) fl-2011. L-organizzazzjoni tippromwovi Stat newtrali fi kwistjonijiet ta’ reliġjon u twemmin, kif ukoll il-libertà kemm tar-reliġjużi kif ukoll ta’ dawk mhux reliġjużi. Għalkemm l-umanisti ma jemmnux f’xi divinità, l-assoċjazzjoni tirrispetta lil dawk li jemmnu, filwaqt li tirrikonoxxi li persuni li ma jaqblux dwar ir-reliġjon ħafna drabi jaqsmu bosta valuri fundamentali oħra. Humanists Malta hija membru ta’ Humanists International.

en_GB